Home | Sitemap | Contacts

Il-Gvern juri li jiġi jaqa’ u jqum mis-saħħa ambjentali

31st December 2009
Article from L-Orizzont.
 
Filwaqt li offra s-solidarjetà tiegħu mar-residenti ta’ Tas-Sliema, inkluża s-Sliema Residents’ Association, wara t-tħassib ġustifikat tagħhom dwar id-deroga li qiegħda titlob Malta dwar il-limiti imposti mill-UE fuq it-tniġġiż tal-arja, il-Partit Laburista qal li din hija prova ċara li l-awtoritajiet Maltin tul is-snin komplew jonqsu milli jindirizzaw il-problemi tal-kwalità tal-arja bl-impenn u s-serjetà mistennija.

“Bl-azzjoni tiegħu l-Gvern qiegħed biss jipprova jraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar, billi jipprova jtaffi u jimmitiga problemi li ħoloq huwa stess f’dawk l-inħawi minħabba nuqqas ta’ ppjanar serju”, qal il-Kelliem Ewlieni Laburista dwar l-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil tal-Klima, d-Deputat Laburista Leo Brincat.

Huwa spjega li l-problema tmur ferm lil hinn minn aġenziji bla snien tal-Gvern, iżda jemmen li r-responsabbiltà għandha tinġarr mill-Gvern innifsu għad-deċiżjonijiet strateġiċi żbaljati ta’ pjanar li ħa tul is-snin u li tagħhom iċ-ċittadini Maltin issa se jkollhom jħallsu qares, a spejjeż tas-saħħa ambjentali tagħhom nfushom.

“Xi ħaġa li diġà qegħdin jagħ­mlu, kif ikkonfermat mil-livelli ta’ pollutants fil-qasam tat-traffiku li jeċċedu standards Ewropej kif ukoll minħabba li huwa fatt stabbilit li Malta għandha waħda mill-ogħla livelli ta’ ażma fost it-tfal fl-Ewropa kollha”, qal il-Kelliem Laburista Leo Brincat.

Please visit the article archive for a list of available articles.