Splużjoni minn ġewwa flok tal-ideat!
Article from L-Orizzont.
Ftit jiem ilu Lawrence Gonzi ried ibellagħhielna li l-partit tiegħu se jisplodi bl-ideat.
Naħseb kif sejrin l-affarijiet aktar hemm ċans li l-Partit Nazzjonalista jisplodi minn ġewwa hekk kif ta’ kuljum qed jgħaddi minn gaffata wara l-oħra, kif ukoll minn sensiela sħiħa ta’ żelqiet fin-niexef.
Sa ftit żmien ilu kienu jridu jbellgħuhielna li “flimkien kollox possibbli”. Issa d-diska tidher li nbidlet. U fi tmiem konferenza li kellhom ftit jiem ilu Gonzi ġie rrapportat li qal li “l-Partit tiegħu fil-Gvern huwa kapaċi saħansitra jagħmel l-impossibbli”.
Li l-Gvern tiegħu sar wieħed imprevedibbli għall-aħħar naqblu mija fil-mija. Iżda qabel biss joħolmu dwar kif jistgħu jagħmlu l-impossibbli, naħseb li jkun fl-interess nazzjonali jekk jagħmlu l-minimu li wieħed għandu jistenna mingħand kull Gvern, speċjalment meta l-poplu jinsab mifni u l-pajjiż iġġammjat primarjament minħabba il-politika żbaljata tal-Gvern tal-ġurnata.
Tajjeb li wieħed jaħseb dwar viżjoni għat-tul iżda mhux meta din il-“viżjoni” tintuża bħala skuża biex tnessina l-inkompetenza tiegħu biex jindirizza r-realtajiet ħorox li l-ħajja ta’ kuljum qiegħda ġġib lill-Maltin wiċċ imbwiċċ magħhom. Indipendentement mill-kulur politiku tagħhom. Mid-dħul tagħhom. U mill-istat soċjali tagħhom.
Jekk nagħsru dawn it-tipi ta’ diskorsi ta’ Lawrence Gonzi mill-ewwel nintebħu li kulma qed ifittex huwa ‘salva-uomo’ biex mingħalih jagħti ftit ħajja b’stampa ta’ partit li ilu żmien twil u li mar il-baħar u li spiċċa fuq il-blat spuntat.
Tonio Fenech ħasibna bħaħen
Il-Ministru Fenech il-ġimgħa l-oħra reġa’ wriena biċ-ċar li mingħalih li l-poplu Malti huma qatta’ bħaħan.
Ftit ilu kien prova jiġġustifika l-infiq ta’ eluf ta’ ewro fuq kampanja intensiva ta’ reklami dwar l-enerġija “nadifa” li se tipproduċi l-estensjoni tal-power station bħala riżultat ta’ stħarriġ intensiv li għamel fost il-poplu Malti biex jara jekk hux minnu li kienu għatxana għal aktar tagħrif dwar dan l-impjant u t-tip ta’ fjuwil użat.
Wara diversi mistoqsijiet parlamentari rnexxieli noħroġ bħad-demm mill-blat, tweġiba dwar min għamel dan l-istħarriġ, kemm ġie jiswa u kemm ġew intervistati nies.
Oħroġ il-għaġeb il-Ministru qalli li b’kollox ġew intervistati 11-il persuna. Bl-iskuża li dawn kienu rappreżentattivi ta’ firxa wiesgħa tas-soċjetà Maltija. Qalilna li għamel studju limitat biex jiffranka l-flus. Tant li skont hu, il-kont tela’ biss għal €500.
Li ma qalilniex kien li dan il-biċċa studju ntuża biex jiġġustifika kampanja intensiva ta’ eluf ta’ ewro mibnijin fuq propaganda qarrieqa biex jiġġustifika deċiżjoni li diġà hi meħuda u li l-kuntratt kien ilu sa mis-sena l-oħra li ġie ffirmat.
Għaliex m’għandniex fiduċja fil-MEPA
Tieħu liema sura tista’ tieħu l-liġi li għaddejja fil-Parlament bħalissa jibqa’ l-fatt li mhux biss għadd ġmielu ta’ emendi u suġġerimenti tal-Partit Laburista ġew injorati u mwarrbin, fosthom il-miżura strateġika li jkollna dirgħajn separati kif għandhom fl-Ewropa bejn Awtorità dwar l-Ambjent u dik tal-Ippjanar, iżda deher ċar li l-akbar difett fil-MEPA ma kinitx il-liġi eżistenti nnifisha. Iżda il-mod sfaċċjat kif tħaddmet s’issa. In-nuqqas ta’ trasparenza.
Il-mod kif intużat bħala arma elettorali fl-aħħar elezzjoni li l-Partit Nazzjonalista rebaħ bi żbrixx. U l-isfaċċjataġni li biha l-MEPA baqgħet għaddejja bil-ħniżrijiet tagħha anki waqt li l-istess liġi kienet qiegħda tiġi dikussa fil-Parlament. Meta naraw dan kollu naraw mill-ewwel li l-liġi kważi rrendiet ruħha rrelevanti għax wara kollox, liġi mhux kemm biss tidher sabiħa fuq il-karta iżda kif tiġi mħaddma u attwata.
L-aqwa li min qiegħed fit-tmun tagħha għandu kważi €100,000 f’paga u perkaċċi fis-sena u li kif iddiskrivietu l-gazzetta It-Torċa jidher li huwa “l-magħżul tal-Prim Ministru”.
Ħondoq
Meta ftit ilu ġejt intervistat dwar l-iżvilupp ta’ Ħondoq ir-Rummien fl-ebda mod ma tgħajt l-appoġġ tiegħi għall-proġett. Għall-kuntrarju għedt li għandna l-ewwel nħallu l-opinjoni pubblika tesprimi ruħha flok inservu ta’ ‘pressure group’ biex inġegħluhom jiċċaqilqu. Iżda ma’ dan żidt xi ħaġa aktar importanti minn hekk. Li s-siegħa vera tal-prova tkun meta jiġi biex jittieħed vot fil-MEPA dwaru – aktar u aktar meta nafu kif il-Gvern jistrumentalizza r-rappreżentanti tiegħu fuq il-bord.
Fuq l-estensjoni tal-power station għalkemm kellna deputati tal-PN li anki wrew tħassib pubblikament, meta ġew għall-vot parlamentari għamlu l-istess… u ħallew lil Gonzi jiġbdilhom l-ispaga.
Min-naħa tagħna aħna la ddejjaqna u lanqas se niddejqu nitkellmu bla kantunieri. Kuntrarju għal ħaddieħor, aktar u aktar meta jidher ċar li l-proġett tal-Ħondoq jidher li għandu appoġġ sew minn sorsi qrib il-partit fil-Gvern. Speċjalment f’Għawdex innifsu.
Please visit the article archive for a list of available articles.






