Bil-ħolm u bin-nostalġija biss…
22nd June 2010
Article from L-Orizzont.
Laqatni ħafna l-fatt li proprju fl-istess żmien li fih il-Greċja għamlet passi ta’ ġgant f’dak li hu investiment mil-Libja u ċ-Ċina, minkejja d-diffikultajiet kbar u finanzjarji li tinstab għaddejja minnhom minħabba l-kriżi finanzjarja li ħakmitha, aħna nidhru li ninsabu kuntenti gallarija mingħajr ma niksbu ebda riżultati konkreti f’dawn iż-żewġ oqsma.
Għalkemm tal-PN ipprovaw jagħtu l-impressjoni li l-ftehim dwar il-visas bejn l-Iżvizzera u l-Libja kien xogħol Lawrence Gonzi kulħadd jaf xi rwol importanti u strateġiku kellha l-Italja f’dan kollu sforz ir-relazzjonijiet personali eċċellenti li jeżistu bejn Berlusconi u Gaddafi.
Minkejja l-isforzi kollha biex jonfħu ż-żjara ta’ Gonzi – li fil-prinċipju kellha skop tajjeb u kienet pożittiva – fl-ebda mod ma tista’ titqies bħala laqgħa fuq livell bilaterali.
Tant li fi Tripli stess, il-Prim Ministru Gonzi awgura li fil-ġejjieni qarib jibdew mill-ġdid diskussjonijiet bejn iż-żewġ gvernijiet biex tingħata spinta ġdida lir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, kummerċjali u ta’ investiment bejn iż-żewġ pajjiżi.
Jekk niftakar sew, Lawrence Gonzi għalkemm issa ilu Prim Ministru mhux ħażin darba biss mar il-Libja fuq żjara uffiċjali, filwaqt li għalkemm iż-żjara ta’ Gaddafi – li erġajt staqsejt dwarha fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin ftit jiem ilu – għadha skedata biex issir, sal-lum għadhom ma ssemmew l-ebda dati konkreti.
Sadanittant ikompli jispikka l-fatt li proprju biex toħroġ mir-riċessjoni u tikseb investiment barrani qawwi, il-Greċja taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Soċjalista Pappandreou qiegħda tibbaża ħafna fuq investiment ġdid Libjan u Ċiniż.
Fir-rigward tal-Libja, huma qed jistennew ħafna minn dak imsejjaħ “Libyan Investment Authority” li hu fond ta’ ġid sovran li ftit ilu anke kiseb ishma fil-Persons Group, id-ditta tal-pubblikazzjoni li hi responsabbli għall-Financial Times.
Bħalissa ġie rrapportat ukoll li l-Libjani qegħdin iħarrġu ġenerazzjoni ġdida li tielgħa biex tispeċjalizza fil-professjoni tal-investiment fil-qasam tas-servizzi finanzjarji permezz ta’ taħriġ barra l-pajjiż.
Il-ħsieb hu li dawn l-‘investment professionals’ żgħażagħ Libjani jitħarrġu f’taħlita ta’ hekk imsejjaħ ‘class room training’ kif ukoll ta’ ‘hands on trading experienċe’ billi joperaw fi ħdan il-‘hedge fund’ Libjan innifsu.
Fir-rigward taċ-Ċina, permezz ta’ għajnuna minn konsulenti ewlenin bħar-rebbieħ tal-Premju Nobel, l-ekonomista Joseph E. Stiglitz, il-Mexxej Grieg qed jorbot ħafna fuq koperazzjoni maċ-Ċina fl-oqsma marittimi, turiżmu u telekomunikazzjoni.
Ironikament fi żmien meta pajjiżu jinsab fost l-aktar pajjiżi fl-UE fi kriżi Pappandreou jidher li se jirnexxielu jiġbed l-akbar investiment barrani Ċiniż lejn l-UE f’dawn l-aħħar snin.
It-tagħlima minn dan kollu hi waħda. Min jaħseb li nistgħu naslu bil-ħolm u bil-kliem fieragħ biss bħan-Nazzjonalisti jkun sejjer żbaljat daqs kemm ikun żbaljat minn jaħseb li se naslu billi nistrieħu fuq metodi, tattiċi u kuntatti li setgħau pproduċew riżultati snin ilu, iżda li ma aġġornawx ruħhom maż-żminijiet għall-isfidi tal-globalizzazzjoni li kemm iċ-Ċina u anke l-Libja jinsabu lesti biex jindirizzaw.
Tonio Fenech waqa' fil-muta
Il-ġimgħa li għaddiet għamilt sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Tonio Fenech.
Bl-eċċezzjoni ta’ mistoqsija waħda, kull domanda li għamiltlu ġiet imwieġba b’dan il mod: l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar.
Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
• Min kienu l-membri tal-bord ta’ inkjesta li ġie appuntat minnu dwar l-allegazzjonijiet marbutin mal-każ tal-Gozo Ferries?
• L-‘executive rapporteur’ fuq l-‘ad hoc committee’ tal-Korporazzjoni Enemalta dwar nuqqasijiet strutturali fil-ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-elettriku kif ukoll dwar l-identifikar ta’ ‘loading shedding problems’ bejn iż-żewġ power stations eżistenti għadu jservi fil-kariga tiegħu?
• Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport intern dwar il-VAT fid-dawl tal-abbużi li kien hemm dan l-aħħar?
• Kienx hemm sejħa għal tenders għall-‘Health and Safety Consultancy Services’ mill-WSC kif indikat f’mistoqsija oħra?
• Jistax jagħti dettalji dwar servizzi maniġerjali li pprovdiet il-MIMCOL lil waħda mill-korporazzjonijiet ewlenin?
Dan is-skiet kollu ma nistax nifhmu meta l-Ministru kien Malta.
Halliena Louis Agius
Kont maħsud bl-aħbar tal-mewt għall-għarrieda ta’ Louis Agius kemm minħabba l-età relattivament żgħira tiegħu ta’ 52 sena kif ukoll billi kont ilni inqas minn ġimgħa li ltqajt miegħu f’lukanda lokali.
Għalkemm hemm min jgħid li bniedem mill-ewwel jintesa meta jispiċċa minn xi kariga, minkejja li Louis kien ilu xi 30 sena (kważi 40) li temm il-kariga tiegħu bħala President ta’ San Ġwann FC huwa baqa’ stmat u iva, maħbub minn ħafna ħbieb Ġwanniżi tiegħu kif xehed fid-deher id-dmugħ f’għajnejn ħafna nies – flimkien ma’ ħbieb oħrajn tiegħu – waqt il-funeral verament kbir li kellu nhar l-Erbgħa li għaddew.
Kien ġest sabiħ ta’ San Ġwann FC li għamlulu korteo miċ-ċentru tar-raħal għal quddiem il-klabb tal-futbol ta’ San Ġwann fejn ġie milqugħ bil-fjuri mill-partitarji tal-klabb.
Il-Knisja ta’ San Ġiljan kienet litteralment imballata bin-nies waqt il-quddiesa tal-funeral. Lil Louis nibqa’ niftakru bħala bniedem dħuli, dejjem bit-tbissima, japprezza kull għajnuna għall-klabb, żgħira kemm hi żgħira, u dejjem lest biex jaqsam ma’ ħaddieħor l-isfidi, il-problemi u anke l-opportunitajiet li jkollhom klabbs tad-daqs ta’ dak li kien imexxi bħala President għal tant snin.
L-għomor lill-familja tiegħu, u ħbieb tiegħu fil-qasam sportiv u anke fin-negozju. Nies ġentili bħal Louis ma tiltaqax magħhom kulljum.
.
Please visit the article archive for a list of available articles.






