Id-dhul ta Malta fl-International Renewable Energy Agency (IRENA): Gvern f paniku wara nagħsa twila
Article from L-Orizzont.
Il-Kelliem Ewlieni Laburista għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Leo Brincat, iddeskriva s-sħubija ta’ Malta fl-‘International Renewable Energy Agency’ (IRENA) bħala turija ta’ kemm il-Gvern jinsab f’paniku wara li m’għamel xejn dwar l-enerġija alternattiva.
Hekk kif ilbieraħ il-Parlament approva din is-sħubija, l-orizzont ħa l-kumment tal-kelliem Laburista fejn qalilna li l-Partit Laburista kien favur l-IRENA sa mill-bidu nett għax jemmen li jagħmel sens li d-dinja jkollha aġenzija globali li tippromwovi l-energija alternattiva biex tonqos id-dipendenza fuq iż-żejt u l-faqar, ikkawżat minħabba nfieq eċċessiv fuq xiri u użu tal-enerġija, kif ukoll ikun hemm żvilupp sostenibbli li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-bniedem.
Għalkemm fakkar kif kien il-Partit Laburista stess li ħeġġeġ lill-Gvern biex jingħaqad f’din l-aġenzija, Brincat irrikonoxxa li s-sħubija fl-IRENA tista’ ttaffi l-problemi li qegħdin niffaċċjaw imma mhux faċli ssolvihom.
“Quddiemna għandna ħafna sfidi, primarjament ikkawżati minn snin sħaħ ta’ telqa u indifferenza, deċiżjonijiet żbaljati u proġetti mingħajr pjani konkreti. Issa minn fuq qegħdin nagħmlu bħall-qattusa għaġġelija għax qegħdin naraw iż-żmien jagħfas u obbligati mill-UE li sa għaxar snin oħra rridu nkunu qegħdin nipproduċu għaxra fil-mija tal-enerġija totali tagħna minn sorsi alternattivi u mhux miż-żejt.”
Il-kelliem Laburista kkritika lill-Gvern proprju għax sal-lum il-pajjiż għad m’għandux pjan jew strateġija maqbula u approvata dwar energija alternattiva. Dan waqt li sa tmiem ix-xahar konna għadna lanqas għaddejna lil-UE l-pjan ta’ azzjoni dwar kif se nilħqu dawn il-miri.
“Min jaħseb li dan se jkun sempliċi pjan fuq il-karta sejjer żball. Appena nissottomettuh lil Brussel ikollna l-obbligu li dan jiġi skrutinizzat perjodikament u kull meta jsibu li nkunu għadna lura fil-mixja tagħna lejn dawn il-miri, mhux biss jistgħu jġiegħluna nerġgħu nbiddlu l-pjani tagħna imma jobbligawna li neħlu l-penali sakemm nilħqu dak li nkunu ntrabatna li nilħqu fiż-żmien stipulat.
Tajjeb li l-qarrejja jkunu jafu li l-mira ta’ għaxra fil-mija sas-sena 2020 hija waħda mill-aktar miri baxxi li għandhom stati membri fl-UE, għax din innifisha ntebħet li tant konna għadna lura f’dan il-qasam li kien prattikament impossibbli li jitolbu aktar mingħandna.”
Brincat ikkummenta wkoll dwar ir-rapport li l-Awditur Ġenerali ħareġ dwar dan il-qasam f’Settembru li għadda fuq inizjattiva tiegħu stess. Il-kelliem fakkar li waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi huwa kien ippropona li biex dan ix-xogħol iħalli l-frott kien importanti li l-awditur iżomm din l-kiwstjoni tal-enerġija alternattiva l-ħin kollu taħt reviżjoni u li perjodikament jaġġorna lill-istess kamra fejn inkunu wasalna.
Il-kelliem sostna li r-rapport li ħareġ l-Awditur din il-ġimgħa kien dwar il-piżijiet finanzjarji li nistgħu niffaċċjaw jekk il-miri ma jintlaħqux sa għaxar snin oħra. Huwa fisser bħala “konfortanti ħafna” il-fatt li l-Awditur intrabat li sa madwar sena mill-pubblikazzjoni tar-rapport oriġinali tiegħu tas-sena li għaddiet, kien biħsiebu jidħol aktar fid-dettal dwar din il-kwistjoni.
Mistoqsi x’jista’ jagħmel pajjiżna biex jirranġa s-sitwazzjoni la waqa’ lura, Leo Brincat wieġeb li “jekk inbiddlu l-mentalità tagħna nkunu digà għamilna passi ta’ ġgant.” Huwa qal li jemmen li hemm bżonn inkunu proattivi ferm aktar u nużaw din is-sħubija biex nużaw l-esperjenza tal-IRENA biex insaħħu u nkabbru l-‘management support’ għall-pjani u programmi nazzjonali tagħ- na.
Huwa żied li għandna nsibu mezz ukoll biex nużaw il-ftit nies tajbin u speċjalizzati li għandna f’dan il-qasam, inġibu ‘expertise’ fejn nistgħu u meta niġu biex ninvestu fi proġetti noffru t-tagħrif kollu neċessarju lil kulħadd biex inkunu ċerti li jkunu jistgħu jinvestu fl-aqwa ditti bl-aktar mod ‘cost-effective’ flok ma nispiċċaw nitqannew b’xi erbgħa magħżulin fejn kollox jista’ jinħadem bizzilla biex jaqdi lilhom kif ġara fil-każ tal-BWSC.
“Jien għandi fiduċja kbira fil-poplu u nemmen li jekk inbiddlu l-‘approach’ tagħna nistgħu saħansitra nippromwovu lil pajjiżna bħala vettrina teknoloġika fiċ-ċentru tal-Mediterran. Li laqatni l-aktar dwar IRENA huwa li bħala kwartieri, flok għażlu xi pajjiż li lanqas jipproduċi qatra waħda żejt, għażlu lil Abu Dhabi li huwa wieħed mill-akbar produtturi taż-żejt fl-Emirati Għarab Magħquda biex jibgħatu sinjal ċar lid-dinja li minkejja li llum għandhom dħul qawwi miż-żejt diġà qegħdin jaħsbu bil-quddiem u jippjanaw b’ċerta serjetà għal dik li tissejjaħ ‘the post oil economy’ jiġifieri meta iż-żejt jibda jixxotta u jinxef.
Mistoqsi dwar it-tħassib li l-Awditur wera fir-rapport tiegħu dwar it-triq li ħa l-pajjiż f’dan il-qasam, il-kelliem Laburista wieġeb li f’Settembru li għadda l-Awditur kien qal li jekk ma jkollniex dawk li jissejjħu ‘feed in tariffs’, jiġifieri rati preferenzjali għal min jipproduċi enerġija alternattiva, se jkun diffiċli biex niġbdu investiment ġdid lejn pajjiżna f’dan il-qasam.
“Sal-lum għadna fejn konna għalkemm ilna nisimgħu li sa fl-aħħar waslu dawn il-famużi tariffi. L-Awditur kien qal li hemm bżonn li l-l-Gvern jieħu nota sew tal-implikazzjonijiet finanzjarji u l-piżijiet li jkollna nġorru imma minflok il-Gvern għamel dan dewweb ħafna minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet biex spiċċajna b’rapport finali ferm aktar dgħajjef u batut”
Brincat sostna wkoll li kellu jkun l-Awditur Ġenerali biex insiru nafu li l-‘offshore wind farm’ mhux se jibda jaħdem qabel sitt snin oħra,” waqt li l kunċett tal-‘combined heat and power’ irid mill-anqas erba’ snin oħra biex jiddaħħal.
“Jiskantani u jinkwetani wkoll il-fatt li waqt li l-Gvern qiegħed jgħid li ma jaħsibx li tkun problema li jilħaq mira biex sa għaxar snin oħra fil-qasam tat-trasport ikollna għaxra fil-mija tal-energija ġejja minn enerġija alternattiva, l-istess Awditur wera ċertu xettiċiżmu dwar dan għax qal li jkun pjuttost prematur li wieħed jasal għal konklużjoni simili meta l-UE nnifisha għadha qiegħda tagħmel studji intensivi dwar dan is-suġġett.
Dwar ir-rabta bejn effiċjenza fl-użu tal-enerġija u enerġija alternattiva, Leo Brincat qal li dan huwa fenomenu li hemm bżonn nindirizzaw u billi l-Gvern jgħidilna li permezz ta’ użu aktar effiċjenti tal-enerġija se nkunu ffrankajna xi disgħa fil-mija tal konsum totali sas-sena 2016 mhux biżżejjed.
“Hemm bżonn jgħidilna kif u minn fejn. Li jinkwetani ħafna huwa li minkejja li l-UE kollha ilha li kkonkludiet li l-aktar li tista’ tiġi ffrankata enerġija huwa fil-bini nnifsu, tant li qegħdin jikkalkulaw li wieħed jista’ jsalva xi 40% tal-enerġija totali skont kif wieħed jibni u jħaddem l-enerġija fi ħdanha, il-Gvern ġie jaqa’ u jqum mid-direttivi tal-UE li jdaħħal dawk li jissejħu ċertifikati fuq l-effiċjenza fil-bini u għadu sal-lum iwaħħal f’xi problemi ta’ ‘software’ minkejja li diġà laħqu ħafna nies b’diploma biex ikunu jistgħu jagħmlu dawn l-‘energy efficiency audits’ fil-bini li se jkun qiegħed jiġi trasferit minn id għal oħra.
Dwar l-idea li wieħed jinvesti barra l-pajjiż u xorta jilħaq il-miri tiegħu dwar enerġija alternattiva, il-kelliem Laburista sostna li wieħed irid jiddistingwi bejn enerġija li biha tiffranka l-użu taż-żejt minnha u enerġija li toħloq, u li permezz ta’ ċertifikati ħodor li tagħtik, tgħinek tikkwalifika biex tilħaq il-miri tal-UE għax tkun qiegħda tipproduċiha xorta waħda f’pajjiż ieħor.
Sforz il-paniku tiegħu, il-Gvern donnu qiegħed jipprova f’daqqa waħda jagħmel ħafna affarijiet fuq diversi fronti. Sa ftit ilu kien kontra dik li tissejjaħ ‘geo thermal energy’ imma issa qiegħed jgħid li lest jikkunsidraha.
Min-naħa l-oħra, għax qal li tfaċċat kumpanija li tispeċjalizza f’dak li jissejjah ‘ocean energy’, il-Gvern qal li wieħed għandu jesplora dan il-qasam ukoll.
Brincat żied li kien hemm saħansitra min reġa’ ħareġ bil-ħolma elettorali ta’ Lawrence Gonzi li mmorru għall-‘wind farm’ oħra, din id-darba f’baħar fond meta din it-teknoloġija għadha qiegħda tiġi esperimentata, u wieħed għadu lanqas biss jaf jekk se taħdimx jew le jew kemm se tigi tiswa.
“Imbagħad ikollna operaturi ewlenin fil-pajjiż u assoċjazzjoni tal-enerġija alternattiva li minn rajhom għamlu ‘road map’ dwar kif jaħsbu li nistgħu nimxu ’l quddiem f’dan il-qasam u minflok l-Gvern ikkonsultahom qegħdin jilmentaw li lanqas biss għamel konsultazzjoni magħhom qabel jiffinalizza l-pjan ta’ azzjoni li suppost bagħat Brussells.
Min-naħa tagħna se nibqgħu nkunu viġilanti u prudenti fl-istess ħin u waqt li noffru l-kritika tagħna nagħtu r-reazzjoni tagħna kemm-il darba jkollna f’idejna l-istudji konklussivi tal-Gvern.
Mitlub jgħid kemm jaħseb li l-Gvern se jagħti widen tat-tħassib tan-nies dwar ċerti proġetti tal-enerġija, il-kelliem Laburista irrefera għal meta fil-programm Bondi+ kien qal li bħall-esperti u l-konsulenti tal-Gvern huwa kien qal li ma nistgħux ninjoraw kif jaħsibha iċ-ċittadin qabel jittieħdu ċerti deċiżjoni- jiet.
Waqt li n-naħa tal-Gvern dakinhar għawwġet kliemu u qalu li l-PL se jiddeċiedi fuq ċerti proġetti skont x’ikun irid il-poplu u mhux l-esperti, issa jidhru li ġew fi kliemna għax fl-abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni li ħejjew għall-UE, tkellmu dwar proġetti li joħolqu tħassib dwar in-nies kif ukoll dwar il-ħtiega li jsiru ċerti studji u ‘assessments’ dwar l-impatt fuq is-socjetà ċivili qabel jagħmlu ċerti affarijiet fatta.
Skont il-kelliem, jekk kien hemm xi ħadd li tkellem b’moħħ magħluq, mhux il-Partit Laburista kien iżda il-Ministru għal Għawdex li f’intervista qalet anke jekk ċerti studji juru li jaqbel li Għawdex ikollu ‘wind farm’ ma tixtieqx tintrabat minn issa li tappoġġja dan. L-istess tħassib dwar is-Sikka l-Bajda kien urieh id-Deputat Michael Gonzi fl-Parlament xi żmien ilu.
“U ta’ min ifakkar li l-Ministru Pullicino se jibqa’ jissemma għal stqarrijja li kieku ħriġna biha aħna kienu jibqgħu jgħajjruna li rresponsabbli.
Dan meta qal li jekk ma jirnexxix il-proġett tas-Sikka l-Bajda jkun lest jitlob lill-UE biex tirrevedi ’l isfel il-miri tagħna. Xi ħaġa li l-UE nnifisha rrifjutat fil-prinċipju minnufih”, temm jgħid il-kelliem Laburista.
Please visit the article archive for a list of available articles.






