Home | Sitemap | Contacts

Il-Partit Laburista miftuħ għal kull proposta fil-qasam ta’ l-enerġija alternattiva

25 February 2009
Il-Partit Laburista jinnota l-emfażi li saret mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fis-summit ta’ Pariġi dwar l-impenn ta’ Malta fil-qasam ta’ l-enerġija alternattiva, partikolarment enerġija mir-riħ. Fl-aħħar manifest elettorali tiegħu l-Partit Nazzjonalista kkommetta ruħu li jsir proġett ta’ windfarms fil-baħar għoxrin mil ‘il barra mill-kosta bil-għan li jkun ġġenerat bejn 75MW u 100MW, ekwivalenti għal ftit inqas minn 20% ta’ l-enerġija ġġenerata mill-Marsa u Delimara flimkien.

Il-Partit Laburista jilqa’ kull proposta dwar l-enerġija alternattiva b’moħħ miftuħ u lest li jisma’ l-fehmiet ta’ kulħadd dwar dan is-suġġett bil-ħsieb li jkun pro-attiv u pożittiv fil-pożizzjoni finali tiegħu. Naqblu li Malta għandha tagħti s-sehem tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija għal deep water wind farms imma nħossu li m’għandniex nissottovalutaw dak li ilu jingħad minn bosta esperti rigward il-bosta limitazzjonijiet li għandhom jeżistu, fosthom l-ispejjeż kbar, sabiex proġetti ta’ dan it-tip isiru realta’. Il-Partit Laburista jinnota wkoll l-intenzjonijiet tal-Gvern dwar l-enerġija alternattiva kif espressi fil-Pre-Budget Document 2009. Issa qed nistennew li l-Gvern jgħaddi għall-fatti.

Kull ma’ jmur qed tiżdied l-urġenza li jittieħdu azzjonijiet konkreti sabiex titnaqqas id-dipendenza ta’ pajjiżna fuq iż-żejt. Pajjiżna llum qed ibati l-konsegwenzi wara snin sħaħ ta’ tkaxkir tas-saqajn min-naħa ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti li qatt ma kellhom rieda politika qawwija biżżejjed sabiex pajjiżna jżid sostanzjalment l-użu ta’ enerġija alternattiva.

Il-Partit Laburista bilfors jistaqsi dwar x’sar minn rakkomandazzjonijiet li tressqu quddiem il-Gvern matul is-snin permezz ta’ diversi rapporti u studji kkummissjonati minn aġenziji ta’ l-istess Gvern, fir-rigward tad-diversifikazzjoni tas-settur ta’ l-enerġija. Wieħed minn dawn l-istudji kien propju dak ta’ Mott MacDonald ta’ l-2005 li kien wera’ li dak iż-żmien kien diġa’ ekonomikament vijabbli li jsir investiment sostanzjali f’wind farms/turbini fuq l-art (inklużi ‘micro-turbines’).

Huwa ttamat li l-Gvern issa beħsiebu jieħu b’serjeta’ akbar l-implimentazzjoni ta’ proġetti għal enerġija alternattiva fuq skala kbira bħal ma’ huma l-‘wind farms’. Filwaqt li l-Partit Laburista jieħu gost b’dan u jħeġġeġ lill-Gvern ikompli fuq din ir-rotta, jappella lill-awtoritajiet konċernati, mhux l-inqas lill-Prim Ministru, sabiex jittieħdu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali kollha għal kull proġett li jkun maħsub.

Il-Partit Laburista jappella lill-Gvern sabiex jieħu b’serjeta’ kbira l-proposta li kienet saritlu ftit tas-snin ilu li jsir ‘social perception study’ ħalli jiġi eżaminat b’mod xjentifiku x’inhi l-opinjoni tal-pubbliku inġenerali dwar l-impatti li jistgħu jħallu ‘wind farms’, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar qrib il-kosta. Dan għandu jsir fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha pero’ mhux l-inqas fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ l-industrija turistika ta’ pajjiżna.

Il-Partit Laburista jappella lill-awtoritajiet konċernati sabiex jiżguraw li jkun hemm konsultazzjoni mill-aktar wiesa u trasparenti fl-evalwar ta’ l-impatti ambjentali kollha relatati ma’ proġetti bħal ma’ huma ‘wind farms’ kif mitlub mill-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

Please visit the news archive for a list of available news.