Home | Sitemap | Contacts

L-isfidi li ghandu quddiemu pajjizna fid-dawl ta’ l-ahhar rapport dwar l- indikaturi ambjentali ghas-sena 2007

25 February 2009
Il-Partit Laburista jqis id-disseminazzjoni ta’ l-informazzjoni ambjentali bħala l-aqwa għodda sabiex kull individwu jkun f’qagħda aħjar li jifhem il-ħtieġa li nħarsu l-ambjent. Huwa f’dan l-ispirtu li l-Partit Laburista jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni riċenti tad-dokument dwar l-indikaturi ta’ l-istat ta’ l-ambjent għall-2007.

Il-Partit Laburista jħoss li hemm bosta aspetti kif spjegati fid-dokument ta’ l-indikaturi ambjentali li għandhom ikunu mistħarrġa sew. Ewlenin fosthom hemm il-livell tat-trabijiet fl-arja (PM10), il-konsum ta’ l-enerġija fil-kuntest tat-tkabbir ekonomiku, l-użu ta’ l-art, kif ukoll il-livell ta’ nitrati fl-ilma.

Nemmnu li wasal iż-żmien li l-Gvern jagħti xi forma ta’ direzzjoni ċara jekk mhux ukoll iniedi pjani konkreti għal kontroll aħjar tat-tniġġiż ta’ l-arja minn trabijiet. Dan mhux sempliċiment fid-dawl tal-liġijiet Ewropej li f’dan ir-rigward qed isiru aktar iebsa, imma l-aktar għax fuq kollox hemm fin-nofs saħħet in-nies.

Il-fatt li bejn l-2006 u l-2007 kellna żieda fl-ammont ta’ enerġija għal kull unit ta’ GDP li pproduċa pajjiżna żgur li ma jirriflettix tajjeb fuq l-inizjattivi li suppost qed jieħu l-Gvern biex insiru aktar effiċjenti fl-użu ta’ l-enerġija. Il-konsum ta’ l-enerġija jorbot direttament ma’ l-emissjonijiet li jikkaġunaw it-tibdil klimatiku, qasam ieħor importanti fejn Malta, minkejja ċ-ċokon tagħha, mistennija tagħti kontribut aqwa fis-snin li ġejjin meta jitfassal ftehim internazzjonali ġdid wara dak ta’ Kyoto.

Illum aktar minn qabel pajjiżna jeħtieġ jimplimenta politika għall-użu ta’ enerġija nadifa u li twassal għal tnaqqis sostanzjali fir-rata li biha pajjiżna jiġġenera l-greenhouse gases. Il-Gvern għandu l-obbligu jixpruna f’din id-direzzjoni.

Il-Partit Laburista jinsab imħasseb dwar dak li joħroġ mill-indikaturi dwar l-użu ta’ l-art kif ukoll dwar il-qagħda ambjentali ta’ lokalitajiet mal-kosta bħal ma huma Wied il-Għajn u San Pawl il-Baħar li għaddew minn żvilupp pjuttost qawwi matul dawn l-aħħar snin kemm mil-lat ta’ bini kif ukoll demografija. Jeħtieġ nagħtu aktar widen lir-residenti ta’ dawn l-inħawi.

F’rapport wara l-ieħor dwar l-istat ta’ l-ambjent dejjem qed jintbagħat messaġġ allarmanti dwar il-livell ta’ nitrati fl-ilma tal-pjan. Il-Partit Laburista jħeġġeġ lill-Gvern għal azzjoni konkreta f’dan ir-rigward anke permezz ta’ infurzar aħjar ta’ liġijiet li jirregolaw l-użu ta’ agro-kimiċi f’pajjiżna. Ninnotaw ukoll in-nuqqas ta’ dettalji dwar l-istat kwantitattiv ta’ l-ilma tal-pjan fid-dokumentazzjoni dwar l-indikaturi ambjentali għall-2007.

Il-Partit Laburista jħares lejn iż-żieda fl-ammont ta’ skart riċiklat b’madwar 25% mill-2006 għall-2007 bħala pass mill-aktar pożittiv. Dan minkejja li l-ammont ta’ skart muniċipali ġġenerat ras għal ras jidher li qed jiżdied. Il-Partit Laburista jawgura li matul din il-leġislatura l-Gvern Nazzjonalista juri aktar maturita’ fl-implimentazzjoni ta’ strateġija xierqa għall-immaniġġjar ta’ l-iskart b’konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa ma’ kulħadd.

Huwa pass pożittiv ieħor li pajjiżna qed isir aktar konformi mad-direttivi Ewropej li jirrigwardjaw il-habitats naturali ta’ valur ekoloġiku u l-protezzjoni ta’ l-għasafar. Il-Partit Laburista huwa kburi li kellu jkun propju b’intervent dirett tiegħu stess li wieħed minn dawn is-siti kklassifikati bħala Natura 2000, cioe’ l-Mistra fil-limiti tal-Mellieħa, kellu jkun salvat minn distruzzjoni sħiħa riżultat ta’ proġett abbużiv.

Il-Partit Laburista jawgura li jkomplu jiżdiedu l-inizjattivi volontarji kollha favur l-ambjent, mhux l-inqas in-numru ta’ skejjel li jipparteċipaw fil-programm EkoSkola. Nagħtu kull appoġġ lil min jinvolvi ruħu bi kwalunkwe mezz biex jitwettqu inizjattivi bħal dawn.

Bħala partit politiku, inħarsu ‘l quddiem biex nitkellmu u nikkollaboraw ma’ kull min għandu għal qalbu l-ħarsien ta’ l-ambjent ta’ pajjiżna u t-titjib ta’ l-aspetti kollha tiegħu, mhux l-inqas l-għaqdiet ambjentali.

Please visit the news archive for a list of available news.