Malta ma tidher imkien f’indici dinji dwar il-qagħda ambjentali
25 February 2009
Il-Partit Laburista jħoss li għandu jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li Malta lanqas biss tidher fil-klassifika internazzjonali dwar il-qagħda ambjentali magħrufa bħala Environmental Performance Index 2008. Din l-analiżi ambjentali hija ppubblikata minn żewġ Universitajiet Amerikani ewlenin, Yale u Columbia University, f’kollaborazzjoni mal-Forum Ekonomiku Dinji u l-Kummissjoni Ewropea.Din l-analiżi tippreżenta lista ta’ xejn inqas minn 149 pajjiż minn madwar id-dinja kklassifikati skond il-qagħda ambjentali tagħhom. L-Isvizzera tikklassifika l-ewwel bi score ta’ 95.5 filwaqt li l-aktar score baxx huwa dak tan-Niger, fl-Afrika, b’39.1. Aktar ma’ jkun baxx dan l-iscore aktar ifisser li tkun fqira l-kwalita’ ambjentali ta’ dak il-pajjiż partikolari.
Fir-rapport uffiċjali ta’ l-Environmental Performance Index 2008 jingħad li jidher ċar li dawk il-pajjiżi żviluppati li jallokaw aktar riżorsi finanzjarji għall-immaniġġjar ambjentali qed igawdu minn kwalita’ ambjentali aħjar. Dan jimplika li mhux biss l-ambjent naturali jinsab f’qagħda pjuttost aħjar imma wkoll li grazzi għal dan, il-qagħda tas-saħħa pubblika hija waħda relattivament sodisfaċenti.
L-analiżi ambjentali msemmija hija bbażata fuq ġbir ta’ statistika u informazzjoni ambjentali minn firxa wiesgħa ta’ pajjiżi madwar id-dinja, inkluż dawk ta’ l-Unjoni Ewropea. Din l-istatistika tirrigwarda l-aktar 25 indikatur ambjentali speċifiku li jinkludu aspetti varji dwar il-kwalita’ ta’ l-arja u ta’ l-ilma, indikaturi dwar emissjonijiet, kif ukoll il-qagħda tas-settur agrikolu u dak tas-sajd.
Aspetti oħra bħall-protezzjoni tal-habitats naturali, l-immaniġġjar ta’ l-art, kif ukoll ir-regolazzjoni tal-pestiċidi huma nklużi f’din l-analiżi. Il-qagħda ta’ kull wieħed minn dawn l-indikaturi għal kull pajjiż – minbarra Malta! – hija mkejjla skond parametri xjentifiċi rigorużi kif deskritt fir-rapport uffiċjali.
Il-Partit Laburista ma jistax jifhem kif Malta ma gietx inkluża fl-Environmental Performance Index 2008 meta l-istess analiżi tinkludi prattikament il-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-Partit Laburista jitlob lill-awtoritajiet konċernati jikkjarifikaw din is-sitwazzjoni xi tfisser, partikolarment fid-dawl tal-fatt li pajjiżna suppost qed jissottometti statistika ambjentali dwar l-oqsma kollha lill-istess Kummissjoni Ewropea u dan b’mod regolari.
Bilfors li wieħed jistaqsi kif tinkwadra sitwazzjoni bħal din mal-fatt li riċentement kellna l-pubblikazzjoni ta’ rapport ieħor separat maħruġ mill-MEPA dwar l-indikaturi ambjentali ta’ pajjiżna għall-2007. Il-Partit Laburista għandu d-dubji tiegħu dwar kemm l-awtoritajiet Maltin qed jonoraw l-obbligi internazzjonali u reġjonali kollha tagħhom fir-rigward ta’ l-informazzjoni ambjentali. Fl-Environmental Performance Index 2008 bħal donnu pajjiżna ma jeżistix!
Please visit the news archive for a list of available news.






