Diskors ta Leo Brincat dwar l-iskaldlu tal-Bahrija - 15-6-09
17 June 2009
MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Leo Brincat. ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, fil-fehma tiegħi huwa tal-mistħija illi kull meta jfaqqa skandlu fil-pajjiż bħal dak tal-frodi fil-VAT office u issa l-iskandlu tal-Baħrija, il-Prim Minstru, minflok jara min se jġorr ir-responsabbiltà politika għal dan kollu, ifarfar idejh billi jgħid li ma jridx jindaħal il-pulizija fil-każ tal-VAT, li fil-każ tal-permess maħruġ lill-President tal-Partit Nazzjonalista fil-Baħrija mill-MEPA, il-gvern ma jindaħal fl-ebda mod fil-proċess tat-taħid tad-deċiżjonijiet tagħha, anke meta jista’ jkun hemm regolaritajiet. U dan meta pajjiżna suppost qiegħed lejliet it-tnedija tal-proposti tal-Gvern Nazzjonalista għal hekk imsejħa riforma tal-MEPA, li ilha, kif jaf kulħadd, tiġi ġestita aktar milli kieku wieħed kien sejjer iwelled iljunfant.
Il-Partit Laburista għandu l-unur jgħid li b’konformità mal-obbligi ambjentali u favur l-iżvilupp sostenibbli li għandu, li huma fil-fatt anke mnaqqxin fl-istatut tiegħu mhux għandu biss, kien hu li l-ewwel kixef dan l-iskandlu li minħabba fih se jiġi stuprat il-Wied tal-Baħrija. Il-gvern mhux biss għażel li jinjora l-iskandlu li kixef il-Partit Laburista iżda għal ħafna ħin u ġimgħat u ġranet, anke ġie jaqa’ u jqum mis-sejħa li għamlu għad ta’ non-governmental organisations, NGOs, fejn talbu l-intervent dirett tal-Prim Ministru, kif tagħtih il-liġi nnifisha meta jkun hemm irregolaritajiet f’xi ħruġ ta’ permessi.
L-iskuża banali, bir-rispett kollu, tal-President tal-Partit Nazzjonalista li m’hemm xejn ħażin f’dan l-iskandlu ambjentali li minnu familtu se tibbenefika sempliċement kif qal fuq it-television b’wiċċ abjad karti għax qal li għandu l-permessi meħtieġa tal-MEPA, juri kemm ma nistgħux nieħdu bis-serjetà il-wegħda tal-Prim Ministru Gonzi, fl-aħħar kampanja elettorali Ewropea, li l-ambjent huwa wieħed mill-akbar pilastri jew prijoritajiet tal-Partit Nazzjonalista.
L-istess ovvjament kif ma nistgħux nieħdu bis-serjetà is-77 wegħda ambjentali li hemm fil-Manifest Nazzjonalista tas-sena 2008. Daqstant ieħor ma nistgħux nieħdu bis-serjetà dawk ’l hekk imsejħa ambjentalisti li ħarġu bħala kandidati mal-Partit Nazzjonalista iżda li f’daqqa waħda waqgħu fil-muta dwar dan l-iskandlu oxxen, jiktbu fuq affarijiet sekondarji u jgħalqu għajnejhom fuq każijiet bħal dan għax forsi għażlu illi jmorru politically colour blind u l-aħjar jitfixkluh mal-blu jew viċeversa.
Meta jkollok ir-Ramblers’ Association of Malta “Flimkien għall-Ambjent Aħjar” u n-Nature Trust jitkellmu b’vuċi waħda, għandek sinjal ċar illi tlieta mill-aqwa NGOs f’pajjiżna huma sinċerament disturbati u preokkupati b’dawn l-abbużi sfaċċati. Iżjed u iżjed meta skont il-MEPA website, il-wied ikkonċernat huwa meqjus bħala special arera of conservation minħabba l-importanza ekoloġika u xjentifika tiegħu skont il-habitats directive.
Għall-mument ħalli nwarrab dak li qal il-Partit Laburista nnifsu biex ħadd ma jakkużani li qed inkun partiġġjan. Skont dawn l-NGOs hemm mill-inqas 16-il policy tal-MEPA li qed jiġu miksura b’dan il-permess, iżjed u iżjed meta l-pjan strutturali kien adotta projbizzjoni assoluta ta’ żvilupp f’żoni rurali ħlief f’każi leġittimi bħall-iżvilupp agrikolu.
Jiena kont nippretendi li l-Prim Ministru almenu jġiegħel lill-MEPA f’dan l-istadju u anke iktar kmieni, jgħidulna x’kienu l-kriterji tal-użu leġittimu ta’ dan il-permess illi kif stqarrew in-nies tekniċi ta’ dawn l-għaqdiet ambjentali, huwa permess li se jxekkel il-korsa tal-ilma, il-water passage, u anke jirvina l-valur tax-xeni ta’ dan il-wied pristin, is-scenic beauty tiegħu. Aktar u aktar meta nqisu x-xogħlijiet infrastrutturali li dan il-permess se jġib miegħu, l-impatt negattiv sejjer ikompli jikber. Jidher ċar daqs il-kristall illi dan il-bini prospettiv la huwa leġittimu jew naturali għall-Wied tal-Baħrija.
Jiena ma nistax ma nsemmix l-ittra mpekkabbli ta’ persuna li ili nammira snin sħaħ, is-Sur Lino Bugeja, President tar-Ramblers’ Association of Malta, illi kiteb nhar is-Sibt f’The Times of Malta. Apparti mid-diversi aspetti tekniċi illi huwa semma’, l-attakk dirett li għamel fuq l-operat tal-MEPA, mhux biss għandu jħammar kulmin huwa b’xi mod direttament jew anke indirettament konness mal-MEPA, iżda jitfa’ responsabbiltà kbira ħafna fuq il-Prim Ministru bħala ministru tal-MEPA u ngħiduha kif inhi, anke tal-ambjent, u ngħiduha kif inhi, anke tal-iżvilupp sostenibbli, illi ftit qabel l-elezzjoni kien wiegħed li se jassumi responsabbiltà għaliha biex iġib fit-tmiem il-ħneżijiet li kienu jsiru taħt il-Ministru Pullicino u assistent tiegħu li llum nafu li mhuwex assistent tiegħu biss u liaison officer biss kien, imma Alla jbierek counting agent anke tal-Partit Nazzjonalista.
Nikkwota kelma b’kelma dak li qal is-Sur Bugeja:
“MEPA looks invincible ....”
* il-MEPA ma jista’ għaliha ħadd –
“resilient enough to take all knocks ...”
* tiflaħ għall-ikbar daqqiet possibbli –
“capable of ignoring environmentalists, moralists, sociologists, historians, archeologists, its survival powers are limitless.”
Fi ftit kliem, is-Sur Bugeja qed jgħid illi l-MEPA tant għandha saħħa li kapaċi tinjora l-ambjentalisti, l-moralisti, is-soċjoloġi, l-istoriċi, l-arkeoloġi, għaliex għandha ċertu poteri biex tibqa’ tgħix u teserċità l-poteri tagħha bla ebda limitu.
Sfortunatament ħafna jiddieħqu b’dawk kommessi favur l-ambjent bħala xi nies eċċentriċi illi jxekklu l-progress u li moħħhom biss biex ireġġgħu l-arloġġ lura. Ħa nkun fair, hemm min huwa fundamentalista fil-views tiegħu, f’kollox hemm min huwa fundamentalista u jiena l-fundamentaliżmu ma naċċettahx fl-ebda qasam għax imur kontra l-prinċipji liberali li nħaddan apparti mit-twemmin tiegħi soċjal demokratiku, iżda wieħed irid japprezza li kieku ma kienx għall-Partit Laburista illi it led by example u għal dawn in-nies ġenwini mingħajr ebda aġenda politika, kieku dan l-iskandlu kien jibqà mistur jew agħar minn hekk, anke ġġustifikat kif ippruvat tagħmel sezzjoni tal-media fejn l-influwenza tal-PN ħafna drabi tinħass qawwija ħafna.
Issa li ġie żvelat illi l-każ qed jiġi nvestigat minn awditur tal-MEPA, jiena nitlob lill-Prim Ministru issa biex jagħtina garanzija li meta jitlesta r-rapport, iċ-chairman tal-MEPA għandu jippubblikah mingħajr dewmien ta’ xejn, mingħajr ma jiġi edited fl-ebda mod. U issa nittama wkoll li l-Prim Ministru ma jippruvax jieħu xi mertu għal dan ir-rapport għax skont ma qal l-awditur tal-MEPA, is-Sur Joe Falzon innifsu, għallinqas fil-ġurnal tal-bieraħ għax jiena qatt ma kellimtu lis-Sur Falzon u qed ngħid mhux detto del detto imma qed ngħid x’kien hemm miktub fil-gazzetta llum. Huwa qal li bagħat għall-files kollha dwar dan il-każ u qal ukoll xi ħaġa iktar importanti, bagħat għalihom minn rajh u fuq inizjattiva tiegħu personali, fetaħ l-investigazzjoni. Għax kien hemm xi nies illi ħasbu li din kienet xi ħaġa inkoraġġita mill-gvern ta’ Lawrence Gonzi.
U għalhekk jiena minn hawn nappella lill-Prim Ministru biex iwaqqaf dan il-permess abbużiv li jinjora r-regoli u l-pjan strutturali li għaliha kienu responsabbli bordijiet tal-MEPA ppuntati minnu iżda li jidhru li ma huma accountable għal ħadd. Dan l-aħħar kien hemm wieħed li kien ivvota għall-Partit Nazzjonalista imma fl-elezzjonijiet Ewropej qalli li din id-darba ddeċieda li jaqsam il-fruntiera u jivvota għall-Partit Laburista. Għedtlu: X’waslek? Qalli: Kelli fiduċja f’ħafna mill-kandidati tagħkom, imma apparti minn hekk, xbajt li wara ħafna snin ta’ pajjiż imdawwar b’ħafna demigods, issa dawn id-demigods spiċċaw allat li ma jista’ għalihom ħadd.
Il-każ li qed insemmi jien tal-Baħrija, mhuwiex każ ta’ defiċjenza iżda każ ta’ irresponsabbiltà kbira mill-gvern ta’ Lawrence Gonzi. Il-poplu ilu jaf li l-MEPA kibret f’mostru iżda issa agħar minn hekk, qed tibdel lill-pajjiż kollu f’mostrożità kbira kif jixhed dan il-każ li għandu implikazzjonijiet politiċi serja minħabba l-involviment tal-uffiċjal għoli tal-PN, il-partit fil-gvern, li huwa n-net beneficiary u indipendentement mill-fatt li dan qed jgħid li hu m’għamel ebda undue pressure. Ċittadin komuni żgur li ma kienx jingħata permess bħal dan, dak li qed ngħid. Li naf biss huwa li wara l-elezzjonijiet Ewropej u lokali, li fihom il-Partit Nazzjonalista tilef u aħna ġibna 54% jew aktar tal-voti mitfugħa, inkun qed nitlob wisq jekk insaqsi fejn huma l-par idejn sod ta’ Lawrence Gonzi. Iżda l-Prim Ministru nħoss onestament li ma jistax jibqa’ ċass, kiesaħ u biered u indifferenti quddiem sfreġju fejn il-case officers u d-direttorat tal-MEPA diversi drabi rrakkmandaw refusals għall-permess iżda fejn il-permess diġà ngħata mid-DCC bord tal-MEPA.
Ningħaqad ukoll ma’ Din l-Art Ħelwa li fil-weekend li għadda ddeploraw il-fatt li qed ikun hemm tant inkonsistenzi f’deċiżjonijiet dwar l-ippjanar mill-MEPA li jmorru kontra l-prinċipji bażiċi mhux biss ta’ good governance imma anke ta’ good practice. Lill-Prim Ministru nfakkruh li hu mhuwiex biss il-Prim Ministru responsabbli mill-ambjent, kif għedt aktar kmieni, iżda wkoll mill-iżvilupp sostenibbli. Għaldaqstant, bħal fil-każ tal-iskandlu tal-VAT, illegatament inbeda meta huwa kien ministru tal-finanzi, għandu jkun raġel ma’ Malta kollha u jġorr ir-responsabbiltà politika għal dan l-iskandlu kbir ambjentali.
Fl-aħħarnett – għax irrid inċedi xi ftit ħin għal kollegi oħrajn – id-deċiżjoni li tħabbret illum ta’ Dr. Victor Scerri li jitlob l-investigazzjoni mill-MEPA għall-pulizija hija tard wisq u hija bla dubju ta’ xejn azzjoni reattiva, intiża ovvjament biex jikkontenjaw ??? il-political damage illi sofra hu nnifsu u l-Partit Nazzjonalista. Tidher intiża bħala face-saver wara li diġà għadda ħafna żmien fuq dan l-iskandlu u t-tieni, ma nafx għalfejn dan issa qed jitlob anke lill-awditur tal-MEPA jinvestiga llum meta l-bieraħ, nerġa’ ngħid, gazzetta lokali diġà qalet illi l-awditur tal-MEPA beda jinvestiga minn rajh.
Jiena rajt li r-raġuni prinċipali – din hija t-teorija tiegħi – illi kemm is-Sur Scerri u anke l-Partit Nazzjonalista huma beżagħna bil-protesta illi l-korpi ambjentali u l-għaqdiet ambjentali se jorganizzaw fil-Baħrija u qed jippruvaw kemm jista’ jkun jew iħassruha jew jiddajlutjawha??? U għalhekk jiena ngħid li dan kollu huwa xi ħaġa tal-mistħija, huwa xi ħaġa li r-responsabbiltà finali għandu jġorrha mhux biss is-Sur Scerri imma l-partit li jappartejni għalih, speċjalment il-Prim Ministru, u ngħid li mill-mossa li għamel is-Sur Scerri llum, jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern aktar interessat li jsalva wiċċ is-Sur Victor Scerri milli l-Prim Ministru jsalva l-qasam tal-ambjent li huwa responsabbli għalih. Nirringrazzjak.
Please visit the news archive for a list of available news.






