Diskors ta Leo Brincat dwar l-estimi tal-Enemalta: Kamra tar-Rapprezentanti - 16-6-09
17 June 2009
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Leo Brincat. ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, il-Ministru fl-introduzzjoni tiegħu appella biex ma nkunux partiġġjani u jekk jista’ jkun ma jkunx hemm pie in the sky. Jiena bl-umiltà kollha u fil-limitazzjonijiet kollha tiegħi, se nipprova nagħmel dak li qal il-Ministru u nilqa’ l-istedina tiegħu.
Sur President, l-Enemalta għadha kif ġabet reklami ta’ faċċati sħaħ fil-ġurnali lokali, bit-titlu “Għal enerġija aktar nadifa” fejn qablet l-emissjonjiet għall-istess produzzjoni ta’ elettriku fis-sena bejn l-impjant il-qadim tal-Marsa u l-impjant il-ġdid ta’ Delimara filwaqt li qaltilna li dak ta’ Delimara ’l quddiem mhux se jżid iżda jista’ jibda jitħaddem bil-gass. Nerġa’ nirrepeti. Ma qalitx li se jibda jitħaddem bil-gass imma jista’ jibda jitħaddem bil-gass. Reklam bħal dan huwa insult għall-intelliġenza ta’ kull wieħed u waħda minna għax hija l-eħfef ħaġa li tqabbel karozza antika li jmissha ilha li ġiet scrapped ma karozza ġdida ta’ kwalunkwe tip li ovvjament tista’ żgur tipprovdi effiċjenza u arja aktar nadifa.
Li ovvjament tal-Enemalta ħallew barra – u dan kien ikun reklam verament xieraq u bilanċjat – mhux biss paragun bejn l-impjant l-antik imma anke paragun bejn l-impjant l-antik u l-ġdid u anke dawk il-proposti alternattivi illi kellhom quddiemhom u li għal raġuni jew oħra ġew imwarrba. Eżempju għalija ta’ kif l-Enemalta – din ngħidha, forsi qed inkun partiġġjan jien imma nħoss li l-gvern qed ikun partiġġjan ... Jien inħoss li l-Enemalta bħal ħafna korporazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Ministru Gatt, ħafna drabi jispiċċaw jilagħbu l-logħba tal-manipulazzjoni u tal-???? U dan huwa ħażin. Mid-deċiżjoni finali li jidher li ħa l-gvern bil-kuntratt iffirmat jidher ċar li l-għan tal-gvern huwa li sempliċement jilħaq eżatt l-emission targets tal-impjant il-ġdid. Dan ifisser fil-prattika li kull ħaġa li tmur xi ftit żmerċ fil-projections tiegħu, bħal ngħidu aħna żieda fid-domanda għall-elettriku jew effiċjenza tal-impjant il-ġdid li tkun anqas milli pproġettat, jista’ jwassal biex infallu billi nilħqu t-targets tagħna tas-CO2 bil-konsegwenza li nistgħu niġu sottomessi għal penali ħarxa.
Li kieku l-Enemalta kienet aktar għaqlija u nvestiet f’power station aktar effiċjenti u b’anqas CO2 mill-ġdida ta’ issa, kien ikollna element ta’ kontinġenza appena xi ħaġa tmur żmerċ, u aktar importanti minn hekk, aħna nkunu f’pożizzjoni li nkunu f’qagħda bħala pajjiż li saħansitra nbiegħu s-CO2 credits biex b’hekk inżidu mad-dħul finanzjarju tagħna forma ta’ revenue li kien jirriżulta fit-tbaxxija tal-electricity generating cost tagħna xi ħaġa illi sfortunatament ma ġarax. U din nagħmel enfasi fuqha għax meta aħna nitkellmu fuq CO2 nitkellmu biss f’kuntest ambjentali u ninsew li ħafna drabi jkun konvenjentement the economic side tas-CO2.
Għalkemm il-gvern ħafna drabi ppubblika studji minn tiegħu b’ħafna pompa f’Marzu li għadda, studju partikolari tal-MEPA dwar Malta’s binal ??? report on policies and measures and projective greenhouse gas emissions, 2009, ftit li xejn ingħata pubbliċità. Ikun hemm min jistaqsi: Imma dan x’għandu x’jaqsam mal-korporazzjoni Enemalta? Iva, Sur President, għandu x’jaqsam għaliex fih hemm riferenza speċifika mhux biss għall-istallazzjoni ta’ impjant ġdid u b’kapaċità ta’ enerġija effiċjenti sabiex jissostitwixxu parzjalment l-impjant ineffiċenti tal-Marsa, iżda anke jitkellem dwar impjanti oħrajn ikkontemplati, fosthom, kif apparti l-impjanti li semmejt aktar kmieni, għandu jiġi commissioned impjant ieħor sas-sena 2014 filwaqt li hemm il-ħsieb li jkun hemm ukoll generating plant ieħor ta' 120 megawatts li għandu jiġi stallat u kkummissjonat sas-sena 2018.
Ir-rapport fil-fatt jagħmilha ċara li dawn il-miżuri huma b'żieda mal-istallazzjoni ta' l-impjant il-ġdid li semmejt aktar kmieni. Ir-rapport jagħmilha ċara wkoll li l-impjant il-ġdid li għadu kif ġie approvat ftit ilu għandu jkollu s-CO2 emissions anqas minn dak li qed jiftaħar bihom il-gvern fl-impjant il-ġdid fir-riklam li għadni kif semmejt.
Ftit ilu l-prim ministru qal li ħadd m'għandu jinkwieta fuq dan il-proġett għax se jsir EIA, issa li ġie diterminat it-tip ta' teknoloġija li l-gvern għażel. Bir-rispett kollu, l-EIA se jsir mhux wara l-impjant tat-teknoloġija, iżda wara li diġa' ġie ffirmat il-kuntratt kontroversjali nnifsu li ħakem il-media f'dawn l-aħħar ġimgħat.
Ili ġimgħat sħaħ nitlob jien lill-gvern biex jippubblika studji indipendenti dwar l-impatt ambjentali u fuq is-saħħa tal-bniedem li dan l-impjant jista' u se jkollu. Sal-lum kellna biss skiet perfett. L-istess kif ġara f'kuntest 'il hinn issa mill-Enemalta imma għamiltha fl-operat ta' l-Enemalta in mind id-domanda ripetuta tiegħi kif inkun naf kemm għandna każi ta' kanċer fil-pajjiż by locality ħalli forsi wieħed jasal għal ċerti konklużjonijiet.
Jien mhux biss napprezza li l-gvern għandu jfittex jagħlaq il-power station tal-Marsa għax apparti milli qed tipproduċi ħafna CO2 qed tkun ukoll ta' theddida għas-saħħa tar-residenti ta' l-inħawi. Iżda jkun tajjeb li l-ministru jgħidilna kif inhu għaddej l-użu ta' dan l-impjant, kif ukoll li jagħtina data indikattiva ta' meta l-famużi 20,000 siegħa ta' l-operational life ta' l-impjant effettivament se jiskadu b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2008. U dan ovvjamenta sabiex inkunu konformi mal-large combustion plant directive ta' l-Unjoni Ewropea.
Fil-waqt li hemm bżonn urġenti li l-power station tal-Marsa tingħalaq ħalli sostanzjalment l-emissjoni tas-CO2 bħala parti mill-pjan tagħna biex innaqqsu dawn l-emissjonijiet, għandna dritt inkunu nafu x'se jkunu emissjonijiet mhux biss ta' l-impjant il-ġdid imma ta' l-impjanti kollha li għadni kif semmejt li hemm riferenza speċifika għalihom fil-greenhouse gas emissions reports tal-MEPA 2009.
L-impjanti jekk wieħed jifli d-dokument kollu juru li se jkollna madwar tlieta jew erba' impjanti kkonċentrati f'Delimara biex ma nsemmix l-inċineratur li l-gvern jidher li diġa' ħa deċiżjoni politika dwaru iżda li konvenjentement ħadd m'għadu jsemmu u ħadd żgur ma sema' min-naħa tal-gvern waqt li kienet għaddejja l-kampanja tal-parlament Ewropew.
Se nitkellem ċar. Aħna fuq dan l-imbierek tender jew kuntratt tal-power plant il-ġdida la għandna favur dak li ma ħadux u lanqas għandna kontra min ħadu. L-istess bħall-ex-ministru nazzjonalista Michael Falzon li kienu kritiku ħafna għall-proġett, m'għandna ebda interess f'dan il-proġett. Iżda kif qal tajjeb l-ex-ministru nazzjonalista l-enviromental damaging aspects should not have been ignored. Meta żżid ma' dan dak li qal l-ambjentalista l-professur Edwin Malli li fid-dawl ta' din id-deċiżjoni l-PN ma tistax tafdah aktar dwar l-ambjent wieħed bilfors ikollu għalfejn jitħasseb u jitħasseb sew.
L-agħar kundanna iżda li seta' kien hemm għall-gvern nazzjonalista dwar din id-deċiżjoni kontroversjali ma ġietx minn xi ambjentalista, ma ġietx minn xi NGO, imma ġiet proprju minn ex-ministru nazzjonalista, l-ex-ministru Falzon. Dan għamel quote li sfortunatament ftit li xejn ippikkjawhan-nies, imma kienet fil-media. Huwa qal 'It does seem that the government is all at sea about energy related environment policies with the left hand not knowing what the right hand is doing.". Fi kliem ieħor dan qed jgħid li l-gvern kompletament mitluf u mar il-baħar dwar il-policies kollha ambjentali marbutin ma' l-enerġija għax litteralment l-id ix-xellugija m'għandhiex idea ta' x'qed tagħmel l-id il-leminija. Kieku għedna dan il-kliem aħna min jaf kemm kienu jgħidu li aħna partiġġjani u li aħna qed inkunu naqgħu f'livelli baxxi kif hawn ma jaqax il-ministru fl-intervent tiegħu.
Sfortunatament, Mr Speaker, dan huwa l-prezz li qegħdin iħallsu mhux aħna l-politiċi imma l-pajjiż kollu talli għandna l-prim ministru u ministru ta' l-ambjent għall-isem biss, għandna lill-MEPA fl-istess stat ta' abbandun li kienet fih qabel l-elezzjoni fiż-żmien it-tgħaffiġ tal-Ministru Pullicino, għandna l-MRA, il-Malta Resourese Authority xejn aktar minn kelb tal-but bla snin, għandna l-climate change taħt ministru li sal-lum irid jiddependi fuq l-istaff ta' ministeru ieħor li huwa tal-MEPA biex jindirizza dan is-suġġett, imbagħad għandek lill-Enemalta li l-kuxjenza ambjetali tagħha mhux illum, biex inkun fair għall-Ministru Gatt, dejjem kienet in doubt anke fi żmien li kont ministru jien, biex inkun onest. Esperjenza li għaddejt minnha jien stess meta kont ministru, l-istess kif kont doqt b'reżistenza qawwija min-naħa tagħhom biex jikkonsidraw enerġija alternattiva speċjalment dik tax-xemx. Niftakar jien kont inizjat fl-1997 jew 1998 facts finding mission f'Ċipru, kont spjegajtu wara laqgħat li kelli mal-ministru konċernat Ċiprijot meta konna għadna fil-gvern, u xorta ma wasalt imkien, li kieku ma kienx għall-imbuttar tiegħi mhux ma kien isir xejn imma lanqas rapport tal-facts finding mission ma kien jispiċċa fuq id-desk tiegħi.
Jien ma ġejtx hawn biex noqgħod nikkwota lil dak u lill-ieħor iżda l-poplu għandu għalfejn jinkwieta meta għandna dikjarazzjoni ta' l-ex-ministru Falzon fejn qal li dak li jinkwetani l-iżjed huwa l-mod kif l-amministrazzjoni tal-lum taċċetta at face value kulma jbellgħulha l-gurus tekniċi tagħhom u tasal biex tassumu responsabbiltajiet politiċi għal deċiżjonijiet ħżiena ambjentali mingħajr ma tieqaf u taħseb u tidħol aktar fil-fond fil-materja. Nerġa' ngħid dan mhux Joseph Muscat, mhux Marlene Pullicino Orlando, mhux Leo Brincat qed jgħidu dan imma qalu ex-ministru nazzjonalista li sa ftit ilu kien chairman ta' korporazzjoni tal-gvern.
Jekk il-ministru ma jafx għal liema artiklu qed nirriferi nistiednu jaqra l-artiklu tal-Perit Falzon ta' l-24 ta' Mejju, 2009. Sal-lum il-gvern għadu ma rribattix l-argumenti li dan l-impjant li jaħdem biż-żejt tal-fuel tqil, il-heavy fuel oil, se jkunu qed jiġġenera l-arja ta' pajjiżna, anzi skużani jniġġes l-arja ta' pajjiżna b'37% aktar ta' CO2. Għalkemm il-gvern qed jgħid li f'xi stadju jew ieħor beħsiebu jmur għal gass naturali kollox jidher rabta ċoff għax ma jidhirx li hemm target dates ċari kategoriċi, iżda dati tentattivi biss. Il-gvern dan it-tip ta' impjant jeħtieġ li jintroduċih bla dewmien u fi żmien stabbilit imma bil-gass kif issuġġerit minn kulħadd.
Tajjeb li nkunu nafu jekk dan l-impjant hux se jkollu wkoll x'impatt mhux biss fuq ir-residenti iżda wkoll fuq il-ħaddiema ta' l-Enemalta nnifisha. Tgħiduli li mela issa qed tipprova xxewwex anke lill-ħaddiema kontra l-gvern. Le, xejn affattu. Qed ngħid hekk għax naf li kemm il-General Workers Union u anke l-UHM huma mifhuma li għamlu rapporti dwar dan. U għalhekk jien inħeġġiġhom lil dawn biex l-istudji tagħhom jippubblikawhom ġaladarba jiġu konklużi għax naħseb li apparti mir-residenti ta' Delimara l-ħaddiema ta' Enemalta, jiġu minn fejn jiġu, għandna nħarsu wkoll is-saħħa tagħhom u s-safety at work tagħhom.
Tajjeb ukoll li nkunu nafu r-reazzjoni tal-ministru għall-allegazzjoni li saret fl-aġġudikazzjoni li l-Enemalta kkalkolaw biss madwar tmien snin ta' operazzjoni bl-użu ta' fossil fuel partikolarment heavy fuel or diesel, imma li fl-evalwazzjoni l-gass qatt ma kien ikkonsidrat u l-formola li ntużat ma kenitx maħduma li tkopri l-ħajja operattiva kollha ta' l-impjant. Jekk Malta ma kellhiex infrastruttura biex topera impjant tal-gass il-gvern dan missu raħ mhux illum imma qabel ħareġ it-tender u mhux ġabu bħala argument wara meta qamet il-kritika kollha.
Sur President, kien ilhom jiġru l-għajdud li seta' kien hemm elementi fl-Enemalta li seta' kellhom x'interess li jintagħżel l-impjant "A" flok "B". Issa sirna nafu li l-bord ta' aġġudikazzjoni huwa magħmul minn grupp ta' nies maħtur mill-Korporazzjoni Enemalta nnifisha. U x'kienet il-konklużjoni? Sistema ta' aktar arja u li tniġġes aktar. Jien għandi fiduċja kbira li l-verita' għad toħroġ kollha u naraw kif nies għoljin fl-Enemalta li forsi minħabba l-irbiet kummerċjali li m'għandux x'jaqsam ma' l-Enemalta biex inkun fair, jista' jwassal biex nies li huma sħab tagħhom f'commitments privati, mhux marbutin direttament ma' l-Enemalta jistgħu jwasslu biex partners tagħhom fix-xogħol privat tagħhom jibbenefikaw minn dan it-tender jekk mhux neċessarjament fil-livell tekniku, fil-livell ta' kostruzzjoni tal-footprint ferm iktar minn dik li seta' kien hemm kieku kien hemm footprint iżgħar ta' l-option oriġinali.
Sur President, iddedikajt l-intervent tiegħi fuq dan l-impjant partikolari għax l-attitudni tal-gvern hija sintomatika ta' l-attitudni tal-gvern għall-ambjent, is-saħħa tan-nies in ġenerali. Meta jkollok ministru li jgħidli li l-particulate matter huwa biss fit-trab, meta jkollok prim ministru li jwieġbek kif wieġeb fil-parlament li minkejja li l-power station ta' Delimara ilha topera dawn is-snin kollha sal-lum għada mhijiex f'qagħda li tkejjel it-trab fin, u l-impjatt fuq is-saħħa tar-residenti fl-inħawi. Meta għandna prim ministru li jiftaħar li t-tender għal automated measuring systems kien għadu se joħroġ jew jiġi proċessat meta weġibni ftit ilu. Meta jkollok lil Enemalta nnifisha lanqas hi kapaċi tagħmel tweġiba teknika korretta għax qalu dawn li l-iskart lanqas biss juri anzi qalu, li l-iskart jista' jkun tossiku mingħajr ma jkun radju-attiv. Fit-tweġiba taw l-impressjoni li skart tossiku bilfors huwa skart radjo-attiv. Fil-fatt naħseb li kulħadd jaqbel miegħi, anke l-ministru stess, li mhux bilfors it-tnejn ikunu l-istess ħaġa f'daqqa. Jekk xi ħadd jaħseb li jien qed ngħid xi ħaġa kontra l-Enemalta, fittxu l-istqarrija tagħhom tas-27 ta' Mejju u taraw jekk għandix raġun jew le.
Wieħed Sur President, malajr jintebaħ li s-77 wegħda dwar l-ambjent li kien hemm fil-manifest tal-PN fl-elezzjoni tas-sena l-oħra, kienu biss part minn pjan ta' ingann u daħq fil-wiċċ. U dan meta fil-kampanja Ewropea li għadha kif intemmet il-prim ministru kellu l-wiċċ li jkompli jiftaħar li għall-gvern tiegħu l-ambjent huwa l-ogħla prijorita'. Dan ġie rifless ċar ħafna fil-kampanja nnifisha fejn għalkemm tal-PN ġabu MEP irlandiża li mbagħad lanqas biss reġgħet ikkontestat din l-elezzjoni biex toqgħod tfaħħar lill-gvern kemm qed jieħu l-ambjent bis-serjeta', imbagħad spiċċajna biex ħafna ġurnalisti Maltin, mhux tal-labour party imma indipendenti, fost tal-"Malta Independent" qalu bil-kitba tagħhom li meta mistoqsi dwar l-ambjent il-Prim Ministru Gonzi kien evażiv, baqa' jagħmel ħafna wegħdiet fil-vojt li huwa kontra t-tniġġis ta' l-arja u li l-interess waħdieni tiegħu deher li n-nies m'għandhomx għalfejn jagħmlu għaġeb dwar ix-xejn li jikkritikaw, jiddubitaw kull pass li jagħmel il-gvern.
Dan l-atteġġjament, Sur President, ifakkarni f'xi ħadd li jemmen li għandu xi dritt, jien naf, divin li jagħmel li jrid mingħajr ħadd ma jkollu d-dritt li jikkritikah, irażżnu jew jiċċensurah. Jien onestament nerġa' ngħid interess fil-partijiet involuti m'għandi xejn, nerġa' ngħid li la ma kelli interess kontra min ħadu u lanqas favur min ma ħadux, imma nappella lill-gvern biex il-konsiderazzjoni ambjentali li kien hemm in konsiderazzjoni tagħtihom il-waiting kollu neċessarju u nitlob lill-gvern biex iwaqqaf minnufih dan ir-riklam ta' l-Enemalta li huwa riklam ta' ingann, li huwa misleading, ma jagħmilx comparative analysis serja għax il-paragun jagħmlu biss bejn oġġett skadut u antik u dak li morna għalih flok ma jagħmel comparative analysis oġġettiva bejn l-impjant tal-Marsa, l-impjant magħżul u l-impjanti alternattivi li kienu qed jiġu kkonsidrati min-naħa tal-Enemalta stess. Nirringrazzjak.
Please visit the news archive for a list of available news.






