PQ 11613 - Kuntratt ma Media Consulta
L-Onorevoli LEO BRINCAT staqsa lill-Onorevoli LAWRENCE GONZI (Prim Ministru):Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11428 u jagħti r-raġuni vera għaliex intilfu fondi tal-Unjoni Ewropea marbutin mal-kuntratt miljunarju ma' Media Consulta fil-qasam turistiku? Jista' dan kollu b'xi mod ikun marbut mal-fatt li dawn il-fondi setgħu intilfu minħabba li l-prestazzjoni tal-kumpanija internazzjonali ma kenitx hekk kif stipulata fil-kuntratt?
Jista' jikkonferma jekk sarx due diligence xieraq u adegwat min-naħa tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni strateġika li tintgħażel Media Consulta meta kien hemm dubju dwar l-operat tagħha internazzjonali sa minn qabel ma ttieħed il-kuntratt?
Hemm xi kumpaniji u/jew individwi Maltin li ġew identifikati bħala rappreżentanti ta' Media Consulta? Jista' l-Gvern iserraħ ras iċ-ċittadini Maltin li ma kien hemm l-ebda għamla ta' undue pressures biex tintgħażel din il-kumpanija kif oriġinarjament sar? Kemm effettivament tħallset Media Consulta indipendement mill-fondi li ma waslux mill-Unjoni Ewropea?
Tweġiba:
Malta ma tilfet l-ebda fondi mit-800 miljun Ewro miksuba mill-Unjoni Ewropea la minħabba l-Media Consulta u lanqas minħabba xi raġuni oħra.
Sa fejn ninsab infurmat, fl-ebda ħin ma kienu espressi dubji dwar l-operat internazzjonali tal-Media Consulta qabel ma ngħata l-kuntratt, speċjalment minħabba l-fatt illi l-għażla aħħarija ta’ din il-kumpanija kienet żvelata biss ftit jiem qabel ma kellu jidħol fis-seħħ l-istess kuntratt. Mhux talli sar due diligence minn qabel, iżda l-proċess kollu ta’ għażla ta’ kumpanija internazzjonali tar-reklamar saret b’reqqa kbira, fejn f’kull stadju tal-proċess ġew miflija b’dettal kbir il-kumpaniji kollha ‘short-listed’. Biżżejjed wieħed igħid illi l-proċess kollu dam l-fuq minn 16-il xahar biex ikun konkluż.
Il-kumpanija Media Consulta għandha fergħa hawn Malta, fost l-oħrajn, u din naturalment tirrapreżenta s-sede prinċipali tal-Media Consulta f’pajjiżna. Nista’ nassigura lill-Onorevoli nterpellant illi fl-ebda ħin u bl-ebda mod u manjiera ma saret pressjoni ta’ ebda xorta fuq il-bord tal-għażla sabiex tintgħażel la din u la ebda kumpanija oħra waqt il-proċess tal-għażla.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi sena b’sena l-flus li rċeviet Media Consulta mingħand l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta. Dawn huma pagamenti għax-xogħol li għamlet Media Consulta għall-MTA.
Please visit the PQs archive for a list of available questions.






