PQ 11081 - Rwejjaħ ta gass fil-Marsa
L-Onorevoli LEO BRINCAT staqsa lill-Onorevoli LAWRENCE GONZI (Prim Ministru):Jista' l-Prim Ministru jinvestiga u jgħid kemm jistgħu jkunu minnhom l-ilmenti li rċevejt dwar irwejjaħ li hemm in-naħa tal-Marsa li uħud isostnu li huma dovuti għal gas hydrogen sulphide li ġej mill-power station? Jista' jgħid kemm ilhom dawn l-irwejjaħ? Jista' jgħid jekk hux qegħdin isiru testijiet fl-inħawi tal-Marsa għal dan it-tip ta' gass perikoluż minħabba li huwa fatt magħruf li l-H2S fl-atmosfera jkabbar ir-riskji għas-saħħa umana?
Tweġiba:
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kienu rrapurtati numru żgħir ta' inċidenti fejn kien hemm riħa ta' H2S (hydrogen sulphide) fil-Marsa però l-probabiltà li l-oriġini ta' dan kien il-power station, hija minima. Ġeneralment il-gass H2S huwa assoċjat mad-dekompożizzjoni batterika ta' materjal non-organiku u mhux mal-kombustjoni ta' fjuwils. Ħafna mill-ilmenti rigward irwejjaħ fil-Marsa għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet ta' fuel handling u possibilment ma' discharges mhux awtorizzat fis-sistema tad-drenaġġ, minn sorsi oħra u mhux mill-power station.
Il-MEPA ilha tirċievi lmenti fuq dawn l-irwejjaħ mill-2003. Però ħafna minn dawn l-ilmenti kellhom x'jaqsmu mal-irwejjaħ ġġenerati mill-handling ta' fjuwil u speċifikament minn sustanzi magħrufa bħala mercaptans, li huma assoċjati mal-fjuwil. Dawn is-sustanzi jinxtammu anki f'livelli baxxa ħafna.
L-aktar episodju riċenti fejn kien hemm riħa qawwija ta' H2S x'aktarx li kien minħabba problema fis-sistema tad-drenaġġ f'binja partikolari.
Il-kwalità tal-arja fil-Marsa tiġi mmonitorjata f'erba' lokalitajiet differenti, permezz ta' passive diffusion tubes. Dan il-programm ta' monitoraġġ ma jinkludix l-H2S, dan għaliex ma jeżistu l-ebda livelli stabbiliti bil-liġi għal din is-sustanza. Tajjeb wieħed ifakkar illi l-H2S huwa ġeneralment problema biss fi spazji magħluqa u għalhekk barra mill-iskop ta' ambient monitoring.
Tajjeb li wieħed ikun jaf li l-immonitorjar għall-H2S permezz tal-passive diffusion tubes ma jagħtix riżultati utili, minħabba il-fatt li dawn l-episodji fejn tinxtamm riħa ta' H2S m'humiex daqshekk frekwenti u jdumu għall-perijodu ta' żmien relattivament qasir (ċirca 30 minuta jew anqas) meta mqabbla mal-exposure time tal-passive diffusion tubes li huwa ta’ bejn 2 u 4 ġimgħat (kif rrakommandant mill-manifattur).
Please visit the PQs archive for a list of available questions.






