Home | Sitemap | Contacts

PQ 12047 - Proġett ta Renzo Piano - pubblikar tal-kuntratt

L-Onorevoli LEO BRINCAT staqsa lill-Onorevoli LAWRENCE GONZI (Prim Ministru):


      Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11897, 11611 u 11348 u ċioe: Mingħajr ma nidħol fil-merti tal-proġett ta’ Renzo Piano, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawk il-ġurnalisti u membri tal-NGOs jew NGO partikulari, li xi ftit xhur ilu ġew mistiedna biex imorru Pariġi sabiex jiltaqgħu ma’ Renzo Piano?

      Għalkemm il-Gvern qed jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt konċernat ma’ Renzo Piano minħabba dawk li qed jissejħu raġunijiet ta’ natura kummerċjali, ma jħossx li f’ġieħ it-trasparenza dan għandu jiġi ppubblikat minnufih, aktar u aktar billi kull kuntratt kummerċjali suppost li huwa suġġett għar-regolamenti tal-public procurement?

      Fil-fehma tiegħi dan kollu għandu jsir pubbliku minnufih mingħajr ma fl-ebda mod jippreġudika l-proġett jew jidħol fil-merti tiegħu.

      Tweġiba:

      Ninsab infurmat li l-ġurnalisti u membri tal-NGO’s li ftit xhur ilu ġew mistiedna biex imorru Pariġi sabiex jiltaqgħu ma’ Renzo Piano, kienu:

      The Times Mark Micallef

      WE Lou Bondi
      Charles Ahar

      Din l-Art Ħelwa Martin Galea

      Dwar il-parti tal-mistoqsija li qed tirreferi għall-kuntratt ma’ Renzo Piano nixtieq nisħaq li sabiex ingħata dan il-kuntratt fil-fatt ġie segwit il-metodu tan-negotiated procedure kif stabbilit fil-Public Contracts Regulations. Nixtieq ukoll infakkar lill-Onorevoli Interpellant li dawn in-negotiated procedures stabbiliti fir-regolamenti bl-ebda mod ma jesiġu li jkun magħmul pubbliku l-kuntratt finali kif negozjat u dan għaliex jista’ jkun hemm fih informazzjoni ta’ natura kummerċjali u kunfidenzjali li jekk tkun ippublikata tippreġudika l-pożizzjoni tal-partijiet.

Please visit the PQs archive for a list of available questions.