PQ 13104 - Bini ta aktar fabbriki fl-oqsma industrijali
L-Onorevoli LEO BRINCAT staqsa lill-Onorevoli TONIO FENECH (Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment):Billi ġie indikat fil-media li hemm xi 12-il fabbrika vojta fl-oqsma industrijali, jista' l-Ministru jgħid kif jinkwadra dan kollu mat-talba li approvat l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini ta’ aktar fabbriki, jew dan huwa dovut għal xi domanda li għandha in the pipeline il-Malta Enterprise? Kemm mill-fabbriki l-ġodda se jkunu custom built?
Tweġiba:
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-fabbrika vojta fl-oqsma industrijali huma meħtieġa biex ikun hemm stokk għall-ħtiġijiet u għaċ-ċaqlieq li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien skont id-domanda għal dan l-ispazju flimkien ma’ investiment ġdid. Fl-istess ħin l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tapprova żvilupp ta’ fabbriki kemm f’oqsma industrijali pubbliċi u kemm dawk privati. Hemm ukoll żvilupp ta’ oqsma fuq art privata li jirriżulta minn eżerċizzju li kien sar numru ta’ snin ilu u li dan jakkomoda fabbriki żgħar (garage industries). Normalment fabbriki pprovduti mill-Malta Industrial Parks huma ta’ daqs akbar. Dawn kultant jinqasmu biex jipprovdu spazju għal aktar minn investitur wieħed. Dan it-tip ta’ qsim jiddependi mill-qież tal-fabbrika, mill-konfigurazzjoni tagħha, mill-ħtiġijiet tal-kerrej il-ġdid, kif ukoll minn konsiderazzjonijiet oħra ta’ ippjanar, ta’ struttura u ta’ operat tal-intrapriżi l-ġodda. Ġieli jinstab wkoll li għal diversi raġunijiet ikun aktar ekonomiku li fabbrika titwaqqa u tinbena oħra jew oħrajn ġodda minflokha. F’sitwazzjoni bħal din dejjem ikun hemm applikazzjoni lil MEPA għal dan ix-xogħol.
Il-fabbriki custom built issir applikazzjoni separata u individwali għal kull każ skont il-bżonn. Dawn ikunu f’diversi stadji ta’ preparazzjoni kemm qabel u kemm waqt l-ipproċessar mill-MEPA għax jirrekjedu informazzjoni varja. Kif wieħed jista’ japprezza, minn dawn ma jkunx hemm kwantitajiet kbar iżda dejjem ikun hemm minn fabbrika sa tnejn (kultant aktar, bħal f”Ħal Far) f’kull qasam speċjalment dawk kbar.
Please visit the PQs archive for a list of available questions.






